"7 snin ilu beda vjaġġ li għalissa ser ngħidlu arriverderci :) L-ewwel esperjenza tiegħi fil-grupp kienet meta qaluli jekk kontx interessata nieħu sehem f’reċta, u min hemm ma ħaristx lura. Qas kont ilni ħames xhur nattendi l-grupp ta’ LINK meta Dun Ewkarist (dak iż-żmien Viċi-Arċipriet fil-parroċċa tagħna), staqsieni jekk xtaqtx ningħaqad fit-tim u bla tlaqliq, aċċettajt. Nemmen li kienet tieqa għal wieħed mill-isbaħ kapitli ta’ ħajti li fih tgħallimt, kbirt, immaturajt, u kif ukoll, b’sodisfazzjon ngħid li kont ta' għajnuna għal ħafna żgħażagħ bħali. Bdejt billi għidt li 7 snin ilu beda dan il-vjaġġ, pero ma kontx preċiża. L-ewwel darba li attendejt il-grupp kont ma' ħija ż-żgħir xi disa' snin ilu u ma kont naf lil ħadd. Iddeċidejt li ma nibqax nattendi. Mhux għax iddejjaqt, imma dak iż-żmien ma kellix il-kunfidenza li nagħmel ħbieb malajr, u allura bqajt lura filwaqt li ħija baqa` jattendi. Niftakru jiġi d-dar b’ferħ tremend wara xi live-in u dejjem kien iħajjarni biex nerġa nipprova mmur. Wara ammont ta' żmien iddeċidejt li nagħti ċans ieħor u rnexxili insaddad għax kieku żgur m’għamiltx seba` snin!! Din l-istorja ngħidha b’wiċċi minn quddiem biex fil-ħajja dejjem tagħti t-tieni ċans … kieku jiena m’għamiltx hekk, kieku jiena llum mhux qed nikteb hawn. Il-promozzjoni tal-grupp dejjem kienet għal qalbi u nemmen li hija l-fulkru tal-grupp. Dejjem emmint li mingħajrha l-grupp ma jistax jibqa jiffjorixxi. Dejjem kien ikolli sodisfazzjon kbir meta kien jiġi xi ħadd u jgħidli: “Jiena bis-saħħa tiegħek bdejt nattendi dan il-grupp.” F’dan l-aspett nixtieq inwassal messaġġ lil kull membru biex jiftakar li kull persuna, fiha nnifisa hija l-aqwa promozzjoni għal grupp. M’hemmx aqwa milli titkellem fuq l-esperjenza tiegħek. Tibżax turi x’jolqtok. Tibżax titkellem fuq dak li forsi kont tagħmel differenti f’xi laqgħa u fuq kollox, tibżax tafda lil membri tat-tim. Huma qegħdin hemm biex jgħinu u ħadd daqshom ma' jista` jifhmek. Qed ngħid hekk għaliex huma kollha kienu membri bħalek u dan nista nixhdu jiena. L-aħħar ħaġa nitolbok tapprezza lit-tim u x-xogħol kollu tiegħu. Ftakar li kull membru jagħżel li jqatta` l-ħin liberu tiegħu biex jipprepara l-aqwa laqgħat għalik u għal sħabek! Messaġġ żgħir lilek … Just be yourself in everything you do because you can make a difference just by being you. Ma nafx hux ser tarawh intom il-ġenituri dan il-messaġġ imma xtaqt ngħid kelma lilkom ukoll. Grazzi. Grazzi talli fdajtu u tkomplu tafdaw liż-żagħżagħ tagħkom mat-tim. Nassigurakom li kull membru tat-tim din japprezzaha ħafna. Fuq kollox nitlobkom tħeġġu liż-żagħżagħ tagħkom mhux sempliċiment li jattendu l-grupp, imma fuq kollox tħeġġuhom jgħinu lit-tim fl-attivitajiet li jkollu l-grupp. Din il-ħaġa għenet lili personalment biex nitgħallem x’jinvolvi li tieħu ħsieb attivita` u tkun back stage u mhux sempliċiment li tgawdi fiha biss. Ħa nerġa nsemmi il-promozzjoni. Inħeġġiġkom biex titkellmu ma’ ġenituri oħra ħalli tkomplu tmexxu l-kelma fuq dan il-grupp, kemm fir-raħal tagħna kif ukoll barra minnu. U issa nixtieq indur fuq sħabi tat-tim. Grazzi ta’ kull esperjenza li kellna flimkien u li jiena ser nibqa ngħożż f’qalbi. Niggarantilek li bħal kulħadd ser ikollok il-mumenti li tħosshom ftit diffiċli forsi bl-affarijiet personali fil-ħajja tiegħek; kemm forsi b'xi eżamijiet jew anke bi pjanijiet għal futur tiegħek. Tiddejjaqx tiftaħ qalbek, pero` l-iktar ħaġa mportanti hi li taqbad il-ħabel li jgħaqqad lit-tim kollu (bħal tal-Missierna fil-Quddiesa) biex qatt ma tħossok waħdek. Apprezza lil sħabek u emmen li kull membru qed jagħti l-mija fil-mija tiegħu kif jista’. Fuq kollox apprezza lin-nies qrib tiegħek li jissapportjawk kontinwament biex inti tkompli tgħin lil żgħażagħ oħra bħalek. Affarijiet materjali wara din l-esperjenza mhux ser tieħu, pero` nista niggarantilek li s-sodisfazzjon huwa xi ħaġa li ma tistax tispjega. Illum, wara seba` snin dan nista nixhdu. Dawn is-7 snin m’għamilthomx waħdi. Nixtieq nirringrazzja lil membri li kienu fit-tim u telqu qabli ... mingħajrhom din l-esperjenza ma kenitx tkun possibbli għax tgħallimt ħafna mingħandhom. Grazzi tal-ħbiberiji li offrejtuli u li ser nibqa' ngħożż minn qalbi. Ma jistax jonqos li nirringrazzja lil Dun Ewkarist u lil Dun Dunstan li kienu d-Diretturi Spiritwali ta’ dan il-grupp waqt l-esperjenza tiegħi. Nassigurakom li mingħajr l-inkoraġġiment u l-għajnuna tagħkom l-esperjenza tiegħi u ta' dan il-grupp ma kenitx tkun li kienet. Nixtieq nirringrazzja lil familja tiegħi, speċjalment lil ġenituri, li min jaf kemm għenuni u ssapportjawni f’kull attivita`, kemm jekk għal idejat biex jirnexxieli inġib sponsors u anke bħala żveljarin meta forsi bqajt rieqda għal xi attivita` li ridt inqum kmieni ħafna għaliha. Grazzi Ma u Da! :) Grazzi kbira oħra tmur għal Chris li għalkemm ma kienx twil ħafna l-perjodu li esperjenzajna flimkien f’dan il-grupp, kien ta’ sapport kbir għalija anke fost l-impenji personali tiegħu. Grazzi immens u napprezza minn qalbi. Bdejt b’din … 7 snin ilu beda vjaġġ li għalissa ser ngħidlu arriverderci. Nemmen li dan il-kapitlu mhux ser ngħalqu imma kburija li kont parti minnu. Ftakru li jekk ikollkom bżonn xi għajnuna ser inkun just an SMS away. Għalissa … LINK … arrivederci :)"